About
TFAL! Isimgħu ftit. Lesti għal xi ħaġa tal-ĠENN?! B’rimi dinamiċi u melodiji li jsaħħruk, mill-paġni tal-ktieb tal-awtur Immanuel Mifsud, huwa l-pjaċir u l-gost tagħna li nippreżentawlkom PARAMM PARAMM: Teatru u Mużika għall-Bravi u l-Imqarbin, produzzjoni ġdida bil-Malti (5+), li se tagħti ħajja lid-dinja immaġinattiva tal-kittieb u poeta, Immanuel Mifsud. Il-poeżiji mill-publikazzjoni, Paramm Paramm: ktieb għall-Bravi u l-Imqarbin ta’ Immanuel Mifsud, huma fil-qalb ta’ din il-produzzjoni. Taħt id-direzzjoni ta’ Marta Vella, ix-xogħol ta’ Mifsud qed jiġi addatat għall-palk, f’prestazzjoni eċċitanti u brijjuża filwaqt li, il-kelma mill-ktieb, qed tiġi minsuġa mal-kompożizzjonijiet oriġinali tad-direttur mużikali Kris Spiteri. Il-mużika ta’ Spiteri kif ukoll il-poeżiji ta’ Mifsud, qed jigu mwassla bis-sehem ta’ tlett atturi-mużiċisti Philippa Naudi (minn ‘The New Victorians’), Analise Mifsud (attriċi u pjanista - Min Imissu?) u Sean Borg (rebbieħ tal-45 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu). Ingħaqdu mal-protagonisti tagħna għal festin ċjeken ta’ stejjer ħelwin u kanzunetti mill-isbaħ. L-annimali qed iqumu, in-numri qed ilestu, n-noti qed isaħħnu l-vuċi u l-istrumenti qed jiġu ntunati! PARAMM PARAMM: Teatru u Mużika għall-Bravi u l-Imqarbin se tittella ġewwa Theatre Next Door bejn l-31 ta’ Marzu u t-3 ta’ April. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn www.tnd.com.mt Din hija produzzjoni ta’ Udjenza, imtella bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti kif ukoll APS Bank bis-sehem tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u Klabb Kotba Maltin.